L-INTELLIĠENZA ARTIFIĊJALI FL-OPERAT TAL-WSC

ONE.COM.MT • Kull ma tmur l-intelliġenza artifiċjali qed tkompli tiżviluppa, fejn qed tgħin lil diversi kumpaniji u entitajiet minn madwar id-dinja kollha, mhux l-inqas f’pajjiżna.
Waħda minn dawk li qed tagħmel użu tajjeb minnha hi l-entità governattiva tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li qed tinkorporaha b’mod attiv fl-isfera tal-operat tagħha.
KITBA: FRANCESCO BORG
FILMAT: DORIAN BORG / ARKIVJI
Fl-aħħar snin, wieħed mill-iżviluppi teknoloġiċi li ilna nisimgħu dwaru hi bla dubju l-Intelliġenza Artifiċjali, jew fil-qasir l-AI. Tali avvanz qed isir iżjed parti integrali minn ħajjitna ta’ kuljum, waqt li anke entitajiet tal-Gvern f’pajjiżna qed ikomplu jinvestu bil-kbir biex jimxu ’l quddiem u jtebu s-servizzi tagħhom.
Waħda minn dawn hi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, li llum il-ġurnata qed tagħmel użu mill-Intelliġenza Artifiċjali f’parti sew mill-operat tagħha.
Fost l-oqsma fi ħdan il-Korporazzjoni, fejn l-AI qed tintuża, hu proprju fl-investigazzjonijiet tagħha dwar is-serq tal-ilma.
Dwar dan staqsejna lil Brian Borg, l-uffiċjal ewlieni tal-informazzjoni fi ħdan l-entità, li spjegalna kif l-intelliġenza artifiċjali qed tiġi utli fil-ħidma ta’ kuljum.
BRIAN BORG
UFFIĊJAL EWLIENI TAL-INFORMAZZJONI, WSC
“Qed naqbdu lil Malta fejn qed nkissruha biċċiet żgħar u qed naqsmuha f’żoni. Żona mhi xejn ħlief li hi border, li fiha tiġbor ftit ta’ accounts, numru ta’ meters tal-korporazzjoni. Is-sistema li tagħmel hu li tanallizza l-konsum li dieħel f’din iż-żona, qegħdin ninżlu litteralment siegħa b’siegħa u tqabbel mal-konsum li qegħdin jikkonsmaw dawk il-metres li hemm fiż-żona. Li tagħmel hi li tidentifika accounts jew areas fejn hemm possibbilment serq ta’ ilma.”
Tajjeb li wieħed jinnota wkoll kif l-intelliġenza artifiċjali tikxef ukoll persuni li jkunu qed jisirqu l-ilma mingħajr lanqas biss ma jkollhom meter tal-ilma.
BRIAN BORG
UFFIĊJAL EWLIENI TAL-INFORMAZZJONI, WSC
“Minn kemm ilna li implimentajniha, din is-sistema, is-suċċess tagħha hu għoli ħafna u, minn kull għaxra, disgħa minnhom inisibu li vera. Il-messaġġ hu ċar, li kull minn qiegħed jisraq l-ilma hemm barra, at one-point aħna se nsibuk.”
F’każi bħal dawn, meta tinqabad persuna tisraq l-ilma, jidħol rapport lill-Pulizija, filwaqt li sezzjoni tal-Korporazzjoni taħdem il-konsum kollu li nsteraq mill-individwu biex il-flus jiġu irkuprati.
Borg spjega wkoll li l-Inteliġenza Artifiċjali qed tintuża wkoll f’aspetti oħrajn f’ħidmet il-korporazzjoni.
Fil-fatt, qed tintuża biex jitnaqqas l-ilma li l-Korporazzjoni tipproduċi, però, għal xi raġuni jew oħra, il-konsumatur mhux iħallas għalih.
BRIAN BORG
UFFIĊJAL EWLIENI TAL-INFORMAZZJONI, WSC
“Fil-passat, dan il-valur kien ta’ qrib it-tnejn u ħamsin fil-mija. Dak in-non-revenue water jinqasam fi tnejn, għandek dak li jissejjaħ real losses, bħal leakages, u mbagħad għandek apparent losses, li hi l-iktar area li hi diffiċli biex tittekilja. Is-serq li semmejna hu parti mill-apparent losses.”
Peró mhux biss. Hemm ukoll il-fattur tal-meters mekkaniċi, li wara ċertu żmien jibdew joħolqu l-problemi. Iżda l-inteligenza artifiċjali wriet kif hemm fatturi oħrajn li jaffettwaw il-meter, fosthom kemm hemm persuni jużawh u x’tip ta’ proprjetà hi.
BRIAN BORG
UFFIĊJAL EWLIENI TAL-INFORMAZZJONI, WSC
“Fil-passat, in-non revue water kien ta’ tnejn u ħamsin fil-mija, illum il-ġurnata, wasalna fil-figura ta’ tmienja u għoxrin fil-mija. L-indikazzjoni huma li ħa nkomplu nonqsu aktar.”

Пікірлер