MAL-45 TUNELLATA SKART ILLEGALI KULJUM

ONE.COM.MT • Waqt li għaddejjin l-akbar investimenti fid-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni biex dejjem tkun mgħammra aħjar, il-ħaddiema tagħha qegħdin jiġbru mal-ħamsa u erbgħin tunellata ta’ skart kuljum.
Fis-servizz li jmiss se nkunu qegħdin insegwu aktar dettalji dwar din il-ħidma kontinwa.
KITBA: NOLAN CAMILLERI
FILMAT: CHRIST BORG / ARKIVJI
Il-ħaddiema tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni qegħdin jiġbru mal-ħamsa u erbgħin tunellata ta’ skart illegali kuljum. Dan intqal fuq il-midja soċjali mis-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, Glenn Bedingfield, fejn appella għal aktar responsabbiltà mill-pubbliku biex dan it-tip ta’ skart ikun wieħed minimu.
Dwar dan tkellimna wkoll ma’ Ramon Deguara, li hu d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni.
RAMON DEGUARA
DIRETTUR ĠENERALI
“Kull ħaġa li tintrema fit-toroq tagħna jew tinħareġ fil-ġurnata mhux propizja tagħha hu meqjus bħala skart illegali. Il-ħidma tal-ħaddiema tagħna tammonta, sfortunatament, għal dawn l-ammonti li qegħdin insemmu llum.”
Deguara hawnhekk żied jinnota kif, filwaqt li l-investimenti li saru fid-Diviżjoni li jmexxi qegħdin jiġu sfruttati, fost l-oħrajn biż-żieda fil-frekwenzi tat-tindif fiż-żoni li huma l-aktar frekwentati mill-pubbliku, xorta hemm żoni li joffru sfida akbar minn oħrajn.
Dawn iż-żoni jinkludu San Pawl il-Baħar, is-Swieqi, Paceville, San Ġiljan, Tas-Sliema u l-Gżira, li minnhom qed jinġabru mal-ħmistax-il tunellata ta’ skart illegali.
RAMON DEGUARA
DIRETTUR ĠENERALI
“Għandna żoni li għadhom bil-problemi, li sfortunatament ir-residenti ma joqogħdux mal-iskeda nazzjonali tal-ġbir tal-iskart u naraw li qed insibu ammont kbir ta’ boroż suwed erġajna li mhux suppost jinġabru fil-ġurnata li mhux tagħha.”
Però l-iskart illegali mhuwiex biss magħmul minn boroż suwed li ma joħorġux fil-jum allokat għalihom fl-iskeda tal-ġbir tal-iskart.
RAMON DEGUARA (28 secs)
DIRETTUR ĠENERALI
“Ovvjament fit-toroq tagħna ssib minn kollox, jiġifieri tyres, kartun, plastik, kif jaraw ħafna sewwieqa huma u għaddejjin. Però llum bil-frekwenzi, li qegħdin nagħmlu, qegħdin naraw li dan ma jitħalliex ħafna aktar milli suppost. Jiġifieri hemm ċerti toroq li, sal-lum, qegħdin jitnaddfu ta’ kuljum permezz ta’ dan il-makkinarju li qegħdin naraw hawnhekk warajna u għandna wkoll makkinarju li ġej, ħa nkunu qed inħabbruh proprju matul ix-xahar li ġej, makkinarju ħafna aktar li għandu potenzjal li jnaddaf it-toroq tagħna b’aktar effiċjenza.”
Tkellimna wkoll mas-Segretarju Parlamentari responsabbli, Glenn Bedingfield, li wkoll appella biex il-pubbliku jkun responsabbli kif jiddisponi mill-iskart tiegħu.
GLENN BEDINGFIELD
SEGRETARJU PARLAMENTARI
“Aħna bħala Gvern qed nagħmlu l-biċċa tagħna, il-ħaddiema tagħna minn hawnhekk nerġa’ nirringrazzjahom u ma niqafx nirringrazzjahom, jaħdmu lejl u nhar biex pajjiżna nżommuh nadif. Però waħedna ma nistgħu nagħmlu xejn. Dan irid ikun sforz kollettiv, dan hu pajjiżna u pajjiżna rridu nieħdu ħsiebu lkoll flimkien.”

Пікірлер: 2

  • @StephenCamilleri-j6x
    @StephenCamilleri-j6x8 күн бұрын

    Ghamlu iktar rondi mil green Worden's u Dan liskart qedin johorguh in nies barranin li joqodu fdawn iz zoni.

  • @christiancasingena5715
    @christiancasingena57154 күн бұрын

    Daqt nigu isna l india